Studenti mill-Iskola tal-Mużika jieħdu sehem f’workshops ta’ arti kreattivi tal- Erasmus+ ġewwa Spanja

Studenti mill-Iskola tal-Mużika f’Malta għadhom kemm ġew lura minn mawra ta’ erbat ijiem ġewwa Spanja bħala parti mill-proġett tagħhom tal-Erasmus +. Dan il-proġett bit-titlu ‘Noħorġu s-Sentimenti’ tiġbor flimkien skejjel minn Spanja, Ċipru, Wales u Malta, li ffukaw dwar il-benesseri tal-istudenti filwaqt li jagħtuhom opportunita` sabiex dawn jesprimu s-sentimenti tagħhom permezz tal-arti kreattiva hekk kif dawn affetwawhom waqt il-pandemija tal-COVID. 

Bradley Farrugia (kitarra), Helena Gierasimiuk (pjanu), Jake-Paul Mallia (drums) u Emila Zrinzo Azzopardi (saxophone), kollha ta’ eta` bejn l-14 u s-16 –il sena kienu akkumpanjati mis-Sra Maria Blanco, Kap tal-Iskola tal-Mużika u żewġ għalliema is-Sra Yorika Attard u s-Sur Mauro Farrugia. Huma ħadu sehem f’numru ta’ workshops ta’ mużika, kummiedja u tejatru organizzati minn waħda mill-eqdem u l-aktar Skejjel Għolja stabbiliti ġewwa Spanja, l-IES Ribalta ġewwa Castellon. Is-Sra Maria Blanco qalet “kien tassew ta’ pjaċir li nara lill-istudenti jinteraġixxu u jaħdmu ma’ studenti internazzjonali oħrajn. Kienet ukoll ħaġa sabiħa li ssir taf dwar u tifhem s-sistema edukattiva tal-iskola u titgħallem dwar l-iskejjel tal-mużika u tad-danza ġewwa Castellon, fi Spanja.” 



Matul il-workshops, l-erba’ studenti kellhom l-opportunita` li jaħdmu u jikkolaboraw ma’ studenti oħrajn mill-pajjiżi parteċipanti, u jippreżentaw il-prodotti kreattivi fl-aħħar jum tal-workshops, inkluż kanzunetta li huma stess ikkomponew  flimkien l-isem ta’ ‘Kalispera’. Bradley Farrugia qal, “Il-workshop tal-mużika għalija kien wieħed mill-punti saljenti tal-mawra bħala mużiċist, meta aħna ikkomponejna, wettaqna provi u irrekordjajna id-diska tagħna fil-ftit ħin li kellna li kienet esperjenza ta’ sfida imma esperjenza ta’ sodisfazzjon”. 

Is-Sur Mauro Farrugia qal: “Kien ta’ privileġġ li kelli ċ-ċans nesperjenza d-diversi pjattaformi tal-arti matul il-workshops ma’dawk kollha involuti. Il-workshops tawna wkoll l-opportunita` biex nimbuttaw il-kompetenza mużikali tagħna billi naqsmu il-proċess tal-kompożizzjoni mal-parteċipanti kollha – fejn kulħadd ta l-kontribut tiegħu f’kull aspett differenti li wassal għall-proġett finali irrekordjat  – lirika, struttura, kontenut tal-armonija u dak tal-melodija.” 

L-istudenti tal-Iskola tal-Mużika kellhom ukoll l-opportunita` li jżuru l-Kulleġġ tal-Mużika Berklee ġewwa Valencia li hu magħruf sew internazzjonalment. L-istudenti Maltin esperjenzaw dak li jseħħ ġewwa l-istudjo tar-rekordings, dak li jseħħ fil-klassijiet tat-tagħlim, dak li jseħħ fil-kmamar tal-ensemble u dak li jseħħ fil-libreriji estiżi,  u dan ispirahom u tahom l-opportunita` li jaraw id-diversi opportunitajiet akkademiċi li jistgħu jidħlu għalihom fil-futur. Is-Sra Yorika Attard qalet: “Kien ta’ pjaċir għalina li nesponu lill-istudenti tagħna għal dan il-kulleġġ ta’ mużika kontemporanja li hu magħruf internazzjonalment, u li nuruhom kif l-istudji tagħhom ġewwa l-Iskola tal-Mużika f’Malta jista’ jgħinhom biex ikomplu japprofondixxu l-istudji mużikali tagħhom. Jiena stess ,  kont nattendi l-Kulleġġ tal-Mużika Berklee meta kont iżgħar u ridt li l-istudenti tagħna jieħdu mqar togħma tal-esperjenza mill-isbaħ tiegħi f’dan –kulleġġ li jispirak.” 



Din l-esperjenza tal-Erasmus ġewwa Castellón, Spanja serviet ukoll sabiex l-istudnti jesponu rwieħhom għal pajjiż ieħor u għall-kultura tiegħu, kif tkompli żżid l-istudenta Helena Gierasimiuk: “jien stajt nesplora Spanja b’tant modi: kultura, lingwa, kċina u ltqajt ma’ ħafna studenti lokali u internazzjonali”. Permezz tal-workshops u ż-żjarat kulturali l-istudenti ħadu gost isiru jafu studenti oħrajn u joħolqu konnessjoni magħhom. Jake-Paul Mallia qal: “Din iż-żjara qarrbitni aktar ma’ ħbieb minn Malta u għenitni nagħmel xi ħbieb kbar minn pajjiżi oħra.” Emilia Zrinzo Azzopardi fil-qosor ġabret kollox f’dawn il-kelmiet: “il-mawra tagħna ġewwa Castellon kienet esperjenza pożittiva li matulha jiena ltqajt ma’ ħafna studenti minn pajjiżi differenti, ħadt gost nikkomponi u ndoqq il-mużika kif ukoll nitgħallem dwar diversi kulturi”. 

Is-Sra Blanco għalqet bill tenniet: “dan il-proġett ta’ skambju kien ta’ suċċess kbir għall-membri tal-istaff tagħna u għall-istudenti li ħadu sehem fih u żgur ser jibqa’ minqux fil-memorji tagħna. Ma offriex biss l-opportunita` li nieħdu gost u nikbru mill-benefiċċji kollha assoċjati ma’ dawn il-proġetti tal-Erasmus, imma fetaħ ukoll orizzonti ġodda kemm mużikalment kif ukoll professjonalment għall-istudenti tagħna. U issa nħarsu ’l-quddiem sabiex nagħtu merħba u nilqgħu fostna lid-delegazzjoni tajba ta’ 60 persuna minn Spanja, Cipru u  Wales li ser iżuru Malta  f’Novembru.” 

Midja 

Dan il-vidjo mużikali, li kien magħmul mill-Istudenti tal-Mużika Jake-Paul Mallia u Emilia Zrinzo Azzopardi, juri l-kanzunetta originali  ‘Kalispera’ li ġiet komposta waqt il-workshops tal-Erasmus. 

Selezzjoni ta ritratti individwali:  
https://we.tl/t-rOJ6fLt3WK


Search

Pages


Follow us on: